Friday 7 September 2007

L-Ambjent Naturali Malti


Spiss niltaqgħu ma’ Maltin li jkunu ġejjin minn btala jew anke aħna stess inkunu morna f’xi pajjiż barrani għall-mistrieħ u naturalment toħroġ waħedha l-espressjoni “Xi ġmiel!’’ Bir-raġun kulma għamel Alla hu kollu sabiħ u jsaħħar lil kull min jaf japprezza n-natura.

Jista’ jkun li nħossuna xi ftit inferjuri… għax m’għandniex muntanji… għax aħna m’għandniex silġ u xmajjar… aħna m’għandniex mergħat u kwantitajiet kbar ta’ baqar u ngħaġ… m’għandniex l-ispeċi ta’ fjuri li għandhom huma… u nistgħu nibqgħu sejrin.

L-aħwa, Alla jaf iqassam ir-rigali tiegħu lil min irid, kif u fejn irid “Ma għandix jien il-jedd li nagħmel li rrid b’ġidi?.........” (Matt.20,15) u lilna wkoll Alla l-Imbierek għaniena b’natura tipika tal-pajjiżi ta’ madwar il-Mediterran: għandna gżira żgħira imma sinjura fiċ-ċokon tagħha…

L-baħar blu mogħni bi ġmiel fil-fond tiegħu speċjalment lejn in-naħa taċ-Cirkewwa fejn diversi għaddasa jiġu għal esperjenzi ta’ din is-sbuħija… imma m’għandniex dniefel wisq għax isibu ruħhom maqbudin fix-xbiek u jifggħu, minbarra in-noise pollution li tinsab fl-ambjenti fejn igħixu.

L-pajsaġġ malti, bil-ħitan tipiċi tas-sejjiegħ, iservu ta’ kenn għal diversi ħlejjaq. Il-ħajja fix-xagħri, jikbru tant ħxejjex endemiċi wħud minnhom anke bi kwalitajiet mediċinali. Insemmu s-Sagħtar, ix-Xewk l-Abjad, il-Fidloqqom u tant oħrajn li minn nectar tagħhom in-naħla tagħmel l-għasel tipiku malti.
Kemm fil-fatt nibżgħu għal dan il-pajsaġġ u xi ngħidu meta nidħlu aktar il-ġewwa lejn il-makkja bl-arbuxxelli u siġar żgħar?
Kemm qed napprezzaw dawn is-siġar: il-balluta, il-ħarruba, is-siġar taż-żnuber, iż-żebbuġ etc? Dawn idumu snin biex jikbru, imma jaf jinqerdu f’minuti minn individwi li ma japprezzawx is-sbuħija tagħhom. Irridu napprezzaw ukoll id-dell li joffru, il-kenn li jagħtu lil ħlejjaq oħra u l-frott bnin li jgħajjixna… biex ma nsemmux il-prodotti bnini ta’ l-art tagħna li l-bdiewa maltin joffrulna bl-għaraq ta’ xbinhom.

Malta għandna varjeta’ kbira ta’ annimali:
Rettili bħal gremxula ta’ Malta,ħut bħal lampuki li jpassu, għasafar bħal Kokka tax-Xagħri li llum hija skarsa ħafna,mammiferi bħal qanfud u ħafna ħlejjaq oħra bħal l-insetti,molluski etc.min jgħix fuq l-art u min jgħix ġo l-ilma ħelu jew mielaħ.

Ta’ min isemmi li l-gżejjer tagħna għandhom diversita’ kbira ta’ pjanti,kollha addattaw ruħhom biex jgħixu fil-klima tagħna…min qrib il-baħar u min il-ġewwa mix-xtut.

Hekk naraw kemm għandna ninteressaw ruħna li nkunu nafu,naqraw u nitgħallmu dwar l-ambjent naturali tagħna . Nitgħallmu napprezzaw u nibżgħu għalih. Dak li jintilef bin-nuqqas ta’ ħsieb u traskuraġni tagħna qatt ma jerġa’ lura.Mela nedukaw bil-kelma u l-eżempju ħalli nkunu wkoll ferħanin u kburin b’pajjiżna…nippruvaw nkunu aktar nodfa ,ma naħlux l-ilma ħelu u nibżgħu għall-baħar tagħna,nieħdu ħsieb il-fawna tagħna u nħawlu aktar xtieli u siġar biex Malta tagħna terġa tħaddar bil-ħajja.