Tuesday 4 March 2008

L-Għid: Fidi, Tama, u Ħajja



Għall-insara din hi l-akbar festa u bir-raġun għax kieku ma kienetx għal din il-festa r-reliġjon tagħna ma tagħmilx sens. X’sens kien ikollha r-reliħjon nisranija kieku Ġesu’ miet u ma qamx mill-mewt? Assolutament xejn għax ma tistax temmen f’xi ħadd mejjet!

Mill-passjoni u l-qawmien ta’ Ġesu’ joħorġu tlett affarijiet li huma importanti ħafna fil-ħajja ta’ kuljum. L-ewwel u l-aktar ħaġa importanti hi l-fidi. Mingħajrha l-bniedem jħossu vojt u li din il-ħajja hija bla sens jekk wara l-mewt jispiċċa kollox. Ma jkollux inċentiv biex jagħmel xi ħaġa, iħossu waħdu u jħares lejn il-ħajja b’mod negattiv. Għall-grazzja t’Alla ngħixu f’pajjiż fejn il-fidi nisranija għadha tiġi pprattikata f’maġġoranza, iżda sfortunatament qed tonqos ukoll! Il-kawżi jistgħu jkunu diversi għala qed jiġri dan. Jista’ jkun li m’għadx jinħass il-bżonn t’Alla. Il-bniedem sar jfittex il-kuntentizza u affarijiet li jissodifawh fid-dinja li ħalaq hu stess għalih nnifsu. Xalar sfernat u l-kumdita’ żejda saru l-allat taż-żmienna! Fattur ieħor li qed jeqred il-fidi hu li dan ir-rigal tant prezzjuż sar tradizzjoni. Mhux jiġi mgħejjex u mkabbar fina imma qed jibqa’ dik iż-żerriegħa li tkun inżrat fina fil-magħmudija. Il-fidi trid tikber magħna, trid tisaqqa bil-kelma t’Alla u bis-sagramenti jekk jista’ jkun ta’ kuljum! Inkella ma nkunux nistgħu ngħadduha lil ta’ warajna għax ma nkunux ħadna ħsieb ta’ teżor mogħti lilna u nitilfuh għal dejjem!

It-tama hi ħolqa oħra marbuta mal-fidi. Għax nemmnu, għandna t-tama li wara din il-ħajja hemm tistenniena ħajja oħra. Għalhekk għandna naħdmu minn issa u ma naqtgħux qalbna nitqabbdu mat-tiġrib tal-ħajja għax nafu fi żgur li wara hemm tgawdija eterna!

Il-fidi u t-tama ġew meta Ġesu’ fetaħ idejH fuq is-salib u wriena li mħabbtu hija bla tmiem għalina l-bnedmin. B’dan il-mod reġa tana l-ħajja mill-ġdid. F’dan l-għid nerġgħu nistqarru l-wegħdiet tal-magħmudija u niġġeddu. B’hekk ngħixu ta’ vera insara u nemmnu li xi darba għad inkunu fil-ħenna pajjiżna!