Monday 1 December 2008

Din is-Sena, Fejn Ħa Jitwieled Ġesù Bambin?


Bambin... iswed, abjad jew samrani? Ġesù kien Lhudi, allura aktarx li kellu karnaġġjon samrani, jixbah lil dak tagħna l-Maltin. Interesanti kif il-Bibbja ma tagħtix wisq importanza tad-dehra ta’ Ġesu’. Dan biex turi biċ-ċar li Ġesù ġie biex isalva lil kulħadd u biex kulħadd jinduna li d-dehra ta’ barra mhix kollox!
‘Do they know it’s Christmas time?' Din hija diska li tindaqq ħafna tul dawn iż-żminijiet u li naħseb għandha kliem sinifikanti ħafna. Kemm hawn nies li l-milied għalihom huwa ġurnata bħall-oħrajn, kollha vjolenza, inġustizzja u kull xorta ta’ tbatija oħra! Fejn hu Ġesu’ bambin fit-taqlib li hemm fl-Art Imqaddsa, post li ftit aktar minn elfejn sena ilu twieled Ġesù?
L-Afrika… In-nies imutu bħal għasfar tal-bejt b'marda qerrieda ta’ l-A.I.D.S, bil-ġuħ u bil-faqar. Il-milied iqattgħuh jaħdmu fis-sħana tax-xemx tiżreġ, biex forsi jkollhom x’jieklu għal dik il-lejla! X’milied għalihom!
Inħarsu lejn l-Awstralja... Hawn kieku issib ikel bir-rimi, imma għandhom tip ta' mewta oħra, dik ta’ ruħhom! Xalar u divertiment sfrenat, għawm u ‘sunbathing’. Dan hu l-milied għalihom. Tgħid hawnhekk hu l-post adattat fejn jitwieled Ġesu’ bambin?
U aħna l-Ewropej... Erħielna nżejnu d-djar u l-istabbilmenti aktar minn xahar qabel u ngħidu li ħa jitwieled fostna! Fuq skala iżgħar, ejjew naraw ftit x’jiġri f’pajjiżna, li fuq kollox nagħmlu parti mill-ewropa ukoll! Aħna 'l-Maltin minn dejjem kellna valuri msejsa fuq fidi soda, iżda sfortunatament qed nittieħdu mill-bqija ta’ l-ewropa! Għal grazzja t'Alla, Malta la għandna gwerrer u ħafna minna għandna saqaf fuq rasna u ngħixu komdi. B’danakollu ma nistgħux inkunu kuntenti billi nagħmlu l-bambini fit-twieqi biss! Jekk minagħalina li l-Milied hu dan, qejrin żballjati!
Irridu niftħu għajnejna biex naraw id-dmugħ sħun iċarar fuq ħaddejn omm, li tilfet lil binha f’dawn il-jiem, ta’ l-armla li qed trabbi lil uliedha waħedha. Nisimgħu il-karba tal-marid fl-isparijiet, u ħafna nies li qed jgħixu tbatija waħedhom fis-silenzju. Tbissima fuq fommna taf tbiddel ħajja ta' xi anzjan abbandunat minn familtu. Mela mmiddu idejna u nibdew naħdmu u ngħinu lil kulħadd. B’hekk Ġesù bambin ma jibqax f’dik l-istalla kiesħa ta’ Betlehem imma jitwieled fis-sħana tal-qalb ta’ kull bniedem!