Sunday 24 May 2009

Il-Ħajja


‘Il-Mulej Alla sawwar il-bniedem mit-trab ta’ l-art u nefaħlu f’imnisejh nifs il-ħajja, u l-bniedem sar ħlejqa ħajja (Ġen 2:8). ‘U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu, fuq xbihat Alla ħalqu, raġel u mara ħalaqhom (Ġen 1:28). Mhux talli hekk talli Alla lill-bniedem poġġieh jaħkem fuq l-ħlejjaq l-oħrajn kollha!

Imma l-bniedem ma kienx kuntent b’dan kollu, ried li jsir daqs Alla. Għamel ta’ rasu u spiċċa jgħix f’dinja fejn il-ħażen jirrenja u l-mewt issaltan. Flok liberu l-bniedem sar ilsir tiegħu nnifsu u tal-ġid li jipposedi. Dejjem ifittex l-kuntentizza billi jkollu iktar poter u flus għax il-quċċata f’din id-dinja jilħaqha biss s-sinjur u min għandu s-setgħa li jmexxi. L-ironija tal-ħajja hi, li aktar mal-bniedem ikollu, aktar iħossu mdejjaq!

Bosta atturi u kantanti ta’ fama internazjonali għandhom flus kemm jesa’ ġidhom u tant kisbu popolarita’ li saru l-idoli ta’ ħafna nies. Madanakollu ħafna minnhom waqgħu f’xi vizzju bħad-droga u fil-fond ta’ qalbhom m’għandhomx kuntentizza u paċi. Hija ħasra li ħajjithom jarmuha u saħansitra ittemmuha kiesaħ u biered.

Aħna m’ aħniex bnedmin ta’ l-art biss, ma nistgħux naħsbu u naġixxu daqs li kieku wara din il-ħajja jispiċċa kollox! Ma rridux nħallu l-materjaliżmu joħnoqna, tant li nitilfu s-sens ta’ x’inhi verament l-ħajja! Alla hu l-awtur tal-ħajja u tana t-tama għal ħajja aħjar, meta Ibnu fetħilna mill-ġdid il-bieb tal-ġenna. Ejjew inkunu bnedmin li nħallu l-Ġesù jgħix f’qalbna, u b’hekk ikollna l-ħajja vera, li ġġib ferħ, paċi u kuntentizza fina nfusna u f’dawk li niltaqgħu magħhom.