Monday 2 June 2008

Il-Festa ta’ Corpus


F’dan iż-żmien uħud mit-tfal agħmlu l-ewwel tqarbina. U int? Qed tilqgħu bl-istess ferħ li ilqajtu fl-ewwel tqarbina? Qed tħallih ikun ikel ta’ sustanza ghar-ruħ ta’ kuljum? Fuq kollox qed issir ħaġa waħda miegħU fl-Ewkarsitija, tant li qed tinbidel fiH? B’hekk id-dinja temmen f’Alla u l-kelma tiegħU tasal sa truf l-art kollha!

Biex iseħħ dan, in-nisrani jrid jara li ma jitlifx l-ebda okkażjoni milli jirċievi l-Ewkaristija. L-Ewkaristija hija l-ħajja tan-nisrani, mingħajrha ikun qisu karozza bla petrol! Hija rigal m’għand Alla lejn il-bniedem biex jibqa’ miegħU sa l-aħħar taż-żmien. Għax kif jgħid Alla stess fit-testment il-qadim ‘l-għaxqa tiegħi hi li nkun ma ulied il-bnedmin.’ Dan imbgħad ikompli jissaħħaħ fit-testment il-ġdid meta bagħat lil ibnu fid-dinja biex jibqa’ sagrifiċċju għal dejjem tal-patt il-ġdid għas-saħħa tagħna l-bnedmin.
Min-naħa tagħna għandna nkunu rikknoxenti ħafna għax hawn għandna rrevelat kemm hi kbira l-imħabba t’Alla għal bniedem. Hu iċċeken u ried jinħeba fl-ostja pero’ jibqa’ preżenti realment biex b’hekk jidher permezz ta’ min jirċevih. Meta nieħdu minn dan il-ħobż tas-sema jkollna l-qawwa biex negħlbu t-tentazzjonijiet li niltaqgħu magħhom ta’ kuljum u ngħixu skond ir-rieda t’Alla għax ikollna l-grazzja tiegħU fina.

Corpus hi l-festa tal-ġisem u d-demm ta’ Kristu li għadha tiġi ċċelebrata aktarx xi ġimgħa wara l-ewwel tqarbina. L-iskop tal-purċissjoni fit-toroq hi li s-sagrament joħroġ barra mill-bibien tal-knisja għax in-nisrani jrid jgħix l-Ewkaristija kulimkien. Ġesù jrid jibqa’ ħaj fid-dinja permezz ta’ min jilqgħu b’qalb miftuħa beraħ, lest biex jagħti xhieda tal-veru ferħ u paċi li jnissel fik biss Ġesù Ewkaristija qalb dan il-ħafna imrar li hawn madwarna. Ta min jgħid li Corpus ma tiġix darba fis-sena biss imma kuljum kull fejn issir quddiesa.

Nirreflettu ftit mela jekk l-Ewkaristija hux tħalli l-frott meħtieġ u nitolbu biex tkun għalina l-ferħ u l-hena tul ħajjitna fuq din l-art.