Friday 11 January 2008

Jannar… Nibdewh b’ħafna reżoluzzjonijiet u nispiċċawh...



Għall-grazzja t’Alla qed naraw it-tmiem ta’ sena oħra u bidu ta’ sena ġdida. Dan jfisser li għad baqalna x’nagħmlu u x’inbiddlu f’ħajjitna qabel ma jasal dak il-waqt li jsejħilna. Kien hemm ħafna nies li ma rawx din is-sena tiġi fi tmiemha, jew bdewha u issa qiegħdin ħdejĦ!

Għalhekk tajjeb li f’dan iż-żmien nirreflettu ftit dwar x’għadda mingħalina tul is-sena li għaddiet. L-esperjenzi sbieħ u l-mumenti ta’ ferħ li għaddejna minnhom, jagħmlulna kuraġġ biex nibdew din is-sena b’nota pożitiva, fil-waqt li dawk inqas sbieħ inħalluhom warajna u nipruvaw nibdew paġna ġdida. Wara naħsbu ftit x’nistgħu nagħmlu aħjar u x’nistgħu nirranġaw mis-sena li għaddiet. Hawn għandna bżonn l-għajnuna t’ Alla biex jgħinna ninżgħu l-bniedem il-qadim u nilbsu l-bniedem il-ġdid biex ninbidlu aħna u nbiddlu l-affarijiet li rridu nbiddlu.

Ħaġa oħra li jissemmew ħafna f’dawn il-ġranet huma l-imberkin reżoluzzjonijiet. Min ħa jibda d-dieta, min ħa jaqta’ xi vizzju u mitt elf reżoluzzjoni oħra, li ħafna drabi jinkisru l-għada ta’ l-ewwel tas-sena! Kollox nippruvaw nagħmlu reżoluzzjoni għax kollox idejjaqna, barra l-istil li drajna ngħixu fih, dak donnu ma jtiniex fastidju. Il-ħajja mgħaġġla ta’ llum nessietna kif nużaw il-ħin li għandna sew u x’inhuma l-veri prijoritajiet f’ħajjitna. Idea tajba kieku bħala reżoluzzjoni nippruvaw inbiddlu l-istil ta’ ħajja li drajna ngħixu fiha. Sirna qisna magni dejjem niġru wara l-ħin biex nlaħħqu ma’ kollox. Insejna li aħna bnedmin li rridu naħdmu biex nistrieħu u mhux nistrieħu biex naħdmu! Hemm bżonn nerġgħu nitgħallmu kif ngħixu u nħallu lil Alla jigwidalna ħajjitna, Hu li Hu d-dawl ta’ kull bniedem.

Ejjew nirringrazzjaw lil Alla tas-sena li għaddiet u nitolbuh biex matul din is-sena jżomm idejh fuqna ħalli f’kull ħaġa li ngħaddu minnha ngħarfuh u nibqgħu fil-grazzja tiegħu.