Monday 17 December 2007

Milied Ieħor Bħal Ta' Qablu?


Wasal Milied ieħor tiżjijn, rigali, ikliet, ġiri minn ħanut għal l-ieħor u nsomma ġenn sħiħ! Ħafna jieħdu qatgħa x'ħin jasal daż-żmien aparti l-uġiegħ ta’ ras li taqbadhom biex jixtru r-rigali!

Imma kos waqt li aħna nkunu għaddejjin inżejnu u nixxalaw hemm ħutna li qed ibatu. Qed jistennewna nindunaw bihom, nuruhom l-imħabba u li l-milied jiġi għalihom ukoll. Sfortunatament qed insiru egoisti, l-aqwa li nkunu sew aħna u ma jimpurtaniex minn ħaddieħor. Ħafna jaħsbu li nies fil-bżonn qiegħdin il-bogħod minna jew li trid tagħmel xi ħaġa kbira biex tgħin. Dan mhux minnu għax b’sempliċi tbissima jew att żgħir ta’ ħniena tista’ tbiddel ħajja ta’ xi ħadd.

F’dan iż-żmien isir ħafna ġbir u l-poplu Malti jikkontribwixxi bi ħġaru għalihom. Naturalment hi ħaġa faċli li wieħed idaħħal idu fil-but u jagħti xi ħaġa minn dak li jkollu, żgur li ma tagħmilx daqshekk diferenza għal dak li jkun! L-emozzjonijiet li jqanqlu fina diversi reklami u diskors li jiġi repettut kemm il-darba, jqajmu fina sensazzjonaliżmu u ħeġġa biex nagħtu xi ħaġa biex ngħinu u forsi nirbħu ukoll! Hawn min jserraħ ftit il-kuxenzja għax jgħid li għamel karità meta jkun ta xi ħaġa. Min jaħseb hekk għandu idea żbaljata ta' xi tfisser veru karità.

Karità hi meta wieħed jagħti xi ħaga bla ma jistenna xejn lura. Hemm diversi modi kif tagħmel karità apparti billi tagħti l-flus. Meta tpoġġi ruħek fiż-żarbun ta’ min hu mġarrab u tkun hemm ħdejh biex tgħin f’dak li jkollu bżonn, għalija hi l-isbaħ karità li wieħed jista' jagħmel. Il-flus żgur ma jgħinux f’każijiet ta’ solitudni u għajnuna fiżika. Hawnhekk il-bniedem jkollu bżonn il-kuntatt uman, li jħoss li hemm xi ħadd jaħseb fih u jgħinu. Xi ħaġa li l-flus ma jistgħux ituk!

Għalhekk nagħmlu dan il-Milied differenti minn ta’ qablu billi nagħtu ftit mill-ħin u l-imħabba tagħna lil xi ħadd. B’dan il-mod tkun qed tagħti u taqla int ukoll! Dan il-Milied tistenniex rigali, iżda agħti minn dak li tista’ u stenna lil Ġesù ġej jitwieled f’qalbek!