Monday 2 March 2009

Il-Maħfra


Meta xi ħadd iweġġagħek b’xi azzjoni ħażina li jkun għamel, żgur li l-maħfra ma tkunx waħda mill-ewwel affarijiet li tiġik f'rasek li tagħmel! Ovvjament, il-gravità ta' kemm wieħed ħa jħossu mweġġa jiddependi fuq l-azzjoni li jkun irċieva, pero l-proċess tal-maħfra idum skond meta dak li jkun jiddeċiedi li jħalli l-weġgħa warajh u allura jasal li jaħfer.

Hija fin-natura tal-bniedem li wieħed ipatti lura għal azzjoni ħażina li jkun irċieva. Forsi jekk wieħed ipatti lill-avversarju tiegħu, ma jkunx qed jaħli l-enerġija tiegħu, jaħseb fuq modi kif jista' jagħmel dan? U wara dan kollu, flok ma wieħed ikun strieħ minn dik il-weġgħa, ikun kabbar iktar il-mibgħeda u allura jibqa' ma jistriehx.

Il-maħfra tasal għaliha biss jekk tħares lejn Kristu Msallab u titgħallem minnu. Titgħallem kemm hi kbira l-imħabba t'Alla li biex jaħfrilna dnubietna u jaqqgħadna mal-Missier, ma stmerrx jibgħat lill Ibnu l-Waħdieni fid-dinja, minkejja d-drabi kollha li aħna ċħadnieh. Ġesù kemm il-darba tkellem fuq din il-maħfra, pero mhux tkellem biss, imma ipprattikha ukoll. Saħansietra meta kien fuq is-salib, f'dik is-sura ta' tbatija, talab lil Missier biex jaħfrilhom u mhux biss, imma skużhom billi qal: "Missier aħfrilhom, għax ma jafux x'inhuma jagħmlu" (Lq 23:34). Minjaf kemm drabi ma konniex nafu x'aħna nagħmlu! Minkejja dan, Ġesù jaħfrilna u jiskużana, kull darba li nersqu lejH fis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni.

Faċli ngħidu li hi impossibli li taħfer, u nieqfu fuq li Ġesù huwa Alla u jien bniedem dgħajjef li ma nasalx biex naħfer. Imma mhuwiex minnu li jien ma nistax nasal li naħfer. L-importanti li nagħmel ħilti kollha, u sinċerament inkun irrid li naħfer, u Alla ma jonqosx milli jagħtini l-għajnuna meħtieġa u l-grazzja tiegħu biex nasal għal din il-maħfra. Niftakru li Alla jafna, u jaċċettana bid-djugħfija tagħna, u zgur ma jitlobx l-impossibli minna.

Faċli naħsbu li meta wieħed jasal li jaħfer, tkun qed tagwadanja biss il-persuna l-oħra. Fil-verità, l-persuna li taħfer taggwadanja ħafna ukoll, għax dik l-istess rabja u mibegħda tinbidel f'ferħ u paċi tal-qalb. Il-maħfra ma tapplikax biss meta niġu biex naħfru lil-oħrajn, imma importanti huwa ukoll li nkunu kapaċi naħfru lilna nfusna ukoll. Il-maħfra m'għandiex limiti, infatti meta Pietru staqsa lil Ġesù xi kemm il-darba wieħed għandu jaħfer, Ġesù wieġeb: "Ma ngħidlekx għal seba' darbiet, imma sa sebgħin għal seba' darbiet" (Mt 18:22).

Mela nagħmlu l-qalb u nersqu lejn is-Sagrament tar-Rikonċiljazjoni biex nirċievu l-maħfra mingħand Alla u biex nirċievu ukoll il-grazzja tiegħu ħalli bħal Ġesù nkunu kapaċi naħfru lilna nfusna u lil oħrajn!