Thursday 10 July 2008

Jum Dinji taż-Żgħażagħ - 2008


“Intom ikollkom il-qawwa, meta jiġi l-Ispirtu s-Santu fuqkom, u tkunu xhud tiegħi” (Atti 1:8).
Din hija t-tema tal-jum dinji taż-żgħażagħ għal din is-sena li qed isir bħalissa f’Sydney, l-Awstralja.

Żgħażagħ minn kull pajjiż jinġabru flimkien minkejja d-differenzi fil-kulturi u l-lingwi fost l-oħrajn, b’għan wieħed komuni, dak li jimxu warajH! L-Awstralja huwa pajjiż enormi, minkejja dan, iż-żerriegħa tal-fidi naqset drastikament u m’għadiex tinżera biex titkattar u tikber mal-pajjiż kollu. Dan hu l-għan li ġie magħżul dan il-pajjiż, biex bl-enerġija u l-ħeġġa taż-żgħażagħ li ħa jitilgħu għal din l-esperjenza ferm sabiħa jsaqqu l-fidi dgħajfa ta’ min għadu jemmen, kif ukoll jiżirgħuha f’min ma jemminx.

Huwa mod sabiħ kif kulħadd ħa jirċievi u jagħti fl-istess ħin. Min ħa jmur hemm biex jagħti xhieda ta’ dak li jemmen fih zgur ħa jissaħħaħ u jimtela’ bil-qawwa x’ħin jara dawk in-nies kollha bl-istess fehma tiegħu u allura jinduna li mhuwiex waħdu li qed jipprova jgħix ta’ nisrani fid-dinja tal-lum. Fl-istess waqt, dawk li huma bierdin jew m’għandhomx fidi, jitqanqlu mill-ħeġġa u l-eżempju ta’ dawn iż-żgħażagħ biex huma ukoll iħossuH li qed jħabbtilhom u jistenniehom jiftħulu l-bieb ta’ qalbhom.

Huwa vera li jekk tmur Sydney ħa tħossok iktar parti minn din l-attivita’ u tidħol aktar fl-ispirtu permezz tal-‘workshops’ li jiġu organizzati matul il-jum, kif ukoll bis-‘shows’ ta’ kull filgħaxija. Iżda min ħa jibqa’ f’pajjiżu, xorta jista’ jduq it-togħma żgħira ta’ x’ħa jseħħ f’Sydney, anke għal fatt li il-ftuħ tal-‘world youth day’ ħa jintwera fuq it-televixin. Ħa ssir attivita’ f’ KennedyGrove fejn l-quddiesa u ċ-ċelebrażżjonijiet li ser isiru, nistghu narawhom flimkien, b’xandira diretta minn Sydney fuq ‘big screen’. Din ħa tkun ta’ għajnuna, biex għalkemm fiżikament ħa nkunu mili l-bogħod, fl-ispirtu ħa nkunu magħqudin ma’ dawk preżenti f’Sydney.

Il-mesaġġ li ħa jingħata mill-Papa Benedittu f’dawn il-jiem hu għaż-żgħażagħ tad-dinja kollha. Għalhekk kulħadd mħeġġeġ jgħaddi dak li għandu x’joffri hu lil ħaddieħor. F’idejk biex tgħaddi dan il-mesaġġ lil min taf, ħalli nkunu xhieda tiegħU kulimkien. PAY IT FORWARD!