Wednesday 2 April 2008

Is-Salib f'Ħajjitna


Il-bniedem għandu bżonn diversi armi biex jegħleb l-ostakli kollha li jiltaqa’ magħhom fil-ħajja ta’ kuljum. Il-ħajja tista’ titqabbel ma’ gwerra li trid titqabad mill-bidu sa l-aħħar biex toħroġ rebbieħ. Ġo dil-gwerra l-għedewwa huma l-qtiegħ il-qalb, il-biża u d-dubju fost ħafna l-oħrajn.

Jekk naraw biss l-affarijiet u t-tbatija bħalha kastig u kundanna faċli naqtgħu qalbna u ma nagħmlu xejn ħlief ingergru! Quddiem id-diffikultajiet li ngħaddu minnhom jiġuna diversi mistoqsijiet bħal għaliex jien? X’inhu l-iskop wara din it-tbatija kollha? Zgur li ma nsibux tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet imma jekk naraw kollox b’għajnejn tal-fidi naslu biex it-tbatija ntuha sens. Niftakru li Ġesu’ qalilna ċar u tond “min irid jimxi warajja jiċħad lilu nnfisu, jerfa’ salibu kuljum u jimxi warajja”.

It-tbatija tista tissarraf f’ferħ jekk nafdaw għal kollox f’Alla. Bhal ma tarbija tiddependi għal kollox mill-ġenituri taghħa u ma tifhimix għax kultant tweġġa hekk ukoll aħna m’Alla. Aħna wisq ċkejnin u dgħajfa biex nifhmu għala jkollna ħafna drabi nweġġgħu u nbatu biex fl-aħħar mill-aħħar joħroġ il-ġid. Bħal f’pittura astratta li l-pittur biss jara l-preġju tagħha hekk ukoll Alla, li diġa għandu l-pjan ta’ ħajjitna lest imfassal quddiemu.

Kif għedt fil-bidu l-ħajja hija taqbida mill-bidu sat-tmiem. L-aqwa arma li biha wiehed jista’ jirbaħ hija l-fidi f’Ġesù Kristu. Hu tħaddan mas-salib biex wara li miet għadda għall-ħajja ta’ dejjem. Hu ġarrab it-tbatija u l-mewt bħalna, biex jurina li biex niksbu l-ħajja ta’ dejjem irridu ngħaddu mit-tbatija u mill-mewt tagħna nnfusna kif ukoll mill-mewt naturali!