Monday, 12 May 2008

Tiġdid


Ma l-istaġun tar-rebbiegħa kollox jerġa jibda jieħu l-ħajja. S-siġar jilbsu l-weraq, il-fjuri jiftħu b'qawsalla ta' kuluri, il-ġranet jitwalu u t-temp jisbieħ. Qisu kollox jerġa jqum għal ħajja ġdida u jkun lest biex jiġġedded u jkattar.

Tajjeb kieku nieħdu spunt minn dan u naraw jekk aħna l-insara ngħixu l-Għid u niġġeddu kuljum. Ftit aktar minn xahar ilu ċċellebrajna l-Għid, l-akbar festa tagħna l-insara. Dan għax nħlisna mill-irbit tad-dnub u ngħatalna lura d-don tal-ħajja fil-milja kollha tagħha. Dan ifisser li aħna maħluqin biex ngħix mhux biex mmutu!

Ħafna drabi peress li kollox jagħddi malajr inkluz l-għid ninsew, li għalkemm t-tifkira veru għaddiet imma d-don tal-ħajja għadu jingħata kuljum! Kemm qieghed nieklu ta' kuljum mill-ħobż li jagħti l-ħajja? Ġesù jtina ġismu u demmu ta' kuljum biex niġġeddu aħna u nġeddu lil oħrajn għax inwasslulhom lil Ġesù permezz tagħna. Hawn diversi nies li għalkemm huma ħajjin, huma mejtin, għax m'għandhomx l-ispirtu tal-ħajja fihom. Iħossu ċertu vojt fihom li ma jkun jista jimtela b'xejn. Din s-sitwazzjoni jesperjenzha kulħadd imma l-aktar iż-żgħażagħ u l-anzjani. Minn naħa taż-żgħżagħ ikunu għadhom bħal fjuri qed jiftħu. Dawn ikunu għadhom iridu jiskopru x'se toffrilhom il-ħajja. Id-dinja tal-lum qed turina llużjoni fix-xalar sfrenat għax naħsbu li l-ferħ ħa nsibuh f'affarijiet bħal dawn. Imsieken iż-żgħżagħ l-iktar dawk dgħajfa li jinqabdu fix-xbiek għarrieq ta' xi vizzju biex mingħalihom isibu l-kuntentizza. Mix-xaqliba l-oħra, l-anzjani ukoll iħossu dan il-vojt. Minħabba li jispiċċaw waħidhom u mwarrba wara li jkunu rabbew il-familja b'tant imħabba u għożża.

Irridnu nkunu aħna li ngħinuhom u nuruhom li l-ferħ u t-tama jiġu minn ġewwa u mhux minn barra. Minn ġo dik il-bejta ta' ġo fina, li mixħutha fiha għandha żerriegħa ta' imħabba li ma tmut qatt! L-imħabba li tiġi mill-qalb u l-ispirtu, li tefgħahom Alla, b'hekk meta jkun kollox dlam madwarna, ma mmutux.

Dan ix-xahar niċċelebraw ukoll Jum l-Omm. Nuru l-gratitudni u l-imħabba li jistħoqqilha lil ommna ta' din id-dinja li wellditna u taghtna l-ħajja, kif ukoll lejn ommna tas-sema li tagħtna lil binha u wellditna għall-ħajja ta' dejjem!

Wednesday, 2 April 2008

Is-Salib f'Ħajjitna


Il-bniedem għandu bżonn diversi armi biex jegħleb l-ostakli kollha li jiltaqa’ magħhom fil-ħajja ta’ kuljum. Il-ħajja tista’ titqabbel ma’ gwerra li trid titqabad mill-bidu sa l-aħħar biex toħroġ rebbieħ. Ġo dil-gwerra l-għedewwa huma l-qtiegħ il-qalb, il-biża u d-dubju fost ħafna l-oħrajn.

Jekk naraw biss l-affarijiet u t-tbatija bħalha kastig u kundanna faċli naqtgħu qalbna u ma nagħmlu xejn ħlief ingergru! Quddiem id-diffikultajiet li ngħaddu minnhom jiġuna diversi mistoqsijiet bħal għaliex jien? X’inhu l-iskop wara din it-tbatija kollha? Zgur li ma nsibux tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet imma jekk naraw kollox b’għajnejn tal-fidi naslu biex it-tbatija ntuha sens. Niftakru li Ġesu’ qalilna ċar u tond “min irid jimxi warajja jiċħad lilu nnfisu, jerfa’ salibu kuljum u jimxi warajja”.

It-tbatija tista tissarraf f’ferħ jekk nafdaw għal kollox f’Alla. Bhal ma tarbija tiddependi għal kollox mill-ġenituri taghħa u ma tifhimix għax kultant tweġġa hekk ukoll aħna m’Alla. Aħna wisq ċkejnin u dgħajfa biex nifhmu għala jkollna ħafna drabi nweġġgħu u nbatu biex fl-aħħar mill-aħħar joħroġ il-ġid. Bħal f’pittura astratta li l-pittur biss jara l-preġju tagħha hekk ukoll Alla, li diġa għandu l-pjan ta’ ħajjitna lest imfassal quddiemu.

Kif għedt fil-bidu l-ħajja hija taqbida mill-bidu sat-tmiem. L-aqwa arma li biha wiehed jista’ jirbaħ hija l-fidi f’Ġesù Kristu. Hu tħaddan mas-salib biex wara li miet għadda għall-ħajja ta’ dejjem. Hu ġarrab it-tbatija u l-mewt bħalna, biex jurina li biex niksbu l-ħajja ta’ dejjem irridu ngħaddu mit-tbatija u mill-mewt tagħna nnfusna kif ukoll mill-mewt naturali!

Tuesday, 4 March 2008

L-Għid: Fidi, Tama, u Ħajja



Għall-insara din hi l-akbar festa u bir-raġun għax kieku ma kienetx għal din il-festa r-reliġjon tagħna ma tagħmilx sens. X’sens kien ikollha r-reliħjon nisranija kieku Ġesu’ miet u ma qamx mill-mewt? Assolutament xejn għax ma tistax temmen f’xi ħadd mejjet!

Mill-passjoni u l-qawmien ta’ Ġesu’ joħorġu tlett affarijiet li huma importanti ħafna fil-ħajja ta’ kuljum. L-ewwel u l-aktar ħaġa importanti hi l-fidi. Mingħajrha l-bniedem jħossu vojt u li din il-ħajja hija bla sens jekk wara l-mewt jispiċċa kollox. Ma jkollux inċentiv biex jagħmel xi ħaġa, iħossu waħdu u jħares lejn il-ħajja b’mod negattiv. Għall-grazzja t’Alla ngħixu f’pajjiż fejn il-fidi nisranija għadha tiġi pprattikata f’maġġoranza, iżda sfortunatament qed tonqos ukoll! Il-kawżi jistgħu jkunu diversi għala qed jiġri dan. Jista’ jkun li m’għadx jinħass il-bżonn t’Alla. Il-bniedem sar jfittex il-kuntentizza u affarijiet li jissodifawh fid-dinja li ħalaq hu stess għalih nnifsu. Xalar sfernat u l-kumdita’ żejda saru l-allat taż-żmienna! Fattur ieħor li qed jeqred il-fidi hu li dan ir-rigal tant prezzjuż sar tradizzjoni. Mhux jiġi mgħejjex u mkabbar fina imma qed jibqa’ dik iż-żerriegħa li tkun inżrat fina fil-magħmudija. Il-fidi trid tikber magħna, trid tisaqqa bil-kelma t’Alla u bis-sagramenti jekk jista’ jkun ta’ kuljum! Inkella ma nkunux nistgħu ngħadduha lil ta’ warajna għax ma nkunux ħadna ħsieb ta’ teżor mogħti lilna u nitilfuh għal dejjem!

It-tama hi ħolqa oħra marbuta mal-fidi. Għax nemmnu, għandna t-tama li wara din il-ħajja hemm tistenniena ħajja oħra. Għalhekk għandna naħdmu minn issa u ma naqtgħux qalbna nitqabbdu mat-tiġrib tal-ħajja għax nafu fi żgur li wara hemm tgawdija eterna!

Il-fidi u t-tama ġew meta Ġesu’ fetaħ idejH fuq is-salib u wriena li mħabbtu hija bla tmiem għalina l-bnedmin. B’dan il-mod reġa tana l-ħajja mill-ġdid. F’dan l-għid nerġgħu nistqarru l-wegħdiet tal-magħmudija u niġġeddu. B’hekk ngħixu ta’ vera insara u nemmnu li xi darba għad inkunu fil-ħenna pajjiżna!

Monday, 4 February 2008

Għadu jagħmel sens li nsumu waqt ir-radan?


Il-Karnival jiġi eżatt qabel r-randan biex dak li jkun jixxala u jiffanga kemm jiflaħ fil-prinjolati u l-perlini biex wara isum fir-randan. Il-karnival ilu jiġi ċċelebrat f’dan iż-żmien minn żmien il-kavalieri, mhux ta’ b’xejn li għandu din il-konnesjoni u t-tifisra marbutin mar-radan!

Ħafna drabi wara l-jiem tal-karnival jaqbduna d-dwejjaq għax nsibuha iebsa u difiċli biex nsumu. Ngħiduha kif inhi anke għal ġisimna jkun ta’ xokk meta jkun dera dejjem b’xi ħaġa fl-istonku, l-aktar wara li nkunu ilna nieklu u nixxalaw! Is-sawm u l-penitenza narawhom bħala affarijiet li rridu nagħmluhom bilfors f’dan iż-żmien. Ħafna drabi ukoll jiġri ili dan il-perjodu jintuża bħala opportunita’ tajba biex wieħed jagħmel id-dieta u b’hekk mingħalih li b’ġebla waħda jolqot żewġ għafasar għax ikun qed isum ukoll.

Nħoss li s-sens tas-sawm u s-sagrifiġġju ntielef mal-medda taż-żmien. Sfortunatament il-progress li sar illum il-ġurnata minnu nnifsu sar għalina rigress għax ħassrilna l-morali u l-valuri, u l-kelma sagrifiċċju ma ddoqqx tajjeb għal widnejna! Sagrifiċċju ma jfissirx tbatija, iżda l-missjoni li għandna kull wieħed u waħda minna rridu nweqttuha b’impenn u dedikazzjoni. Mhux faċli tgħix u tagħmel dak li int fi dmir li tagħmel ta’ kuljum. Imma jekk tgħaqqad ir-rieda tiegħek ma’ dik t’Alla zgur li tasal biex timxi mar-rieda tiegħu għalkemm din tirrekjedi daqxejn ta’ sagrifiċċju.

F’dan ir-randan tajjeb li nagħmlu ħilitna biex nagħmlu l-affarijiet żgħar ta’ kuljum mingħajr ma’ ngergru u mill-qalb. Niftakru kemm Ġesù bata tul ħajtu f’din id-dinja biex wettaq il-missjoni, allura aħna m’għandniex nibżgħu nagħmlu sagrifiċċji. Infatti l-Madonna fid-dehriet dejjem saħqet fuq s-sagrifiċċji u l-penitenzi. Dawn jgħinuna għal maħfra tad-dnubiet u tajjeb nagħmlu sagrifiċċji tul s-sena kollha għax nitgħallmu niċħdu lilna nnfusna u b’hekk jkollna l-ħajja ta’ dejjem.

Friday, 11 January 2008

Jannar… Nibdewh b’ħafna reżoluzzjonijiet u nispiċċawh...



Għall-grazzja t’Alla qed naraw it-tmiem ta’ sena oħra u bidu ta’ sena ġdida. Dan jfisser li għad baqalna x’nagħmlu u x’inbiddlu f’ħajjitna qabel ma jasal dak il-waqt li jsejħilna. Kien hemm ħafna nies li ma rawx din is-sena tiġi fi tmiemha, jew bdewha u issa qiegħdin ħdejĦ!

Għalhekk tajjeb li f’dan iż-żmien nirreflettu ftit dwar x’għadda mingħalina tul is-sena li għaddiet. L-esperjenzi sbieħ u l-mumenti ta’ ferħ li għaddejna minnhom, jagħmlulna kuraġġ biex nibdew din is-sena b’nota pożitiva, fil-waqt li dawk inqas sbieħ inħalluhom warajna u nipruvaw nibdew paġna ġdida. Wara naħsbu ftit x’nistgħu nagħmlu aħjar u x’nistgħu nirranġaw mis-sena li għaddiet. Hawn għandna bżonn l-għajnuna t’ Alla biex jgħinna ninżgħu l-bniedem il-qadim u nilbsu l-bniedem il-ġdid biex ninbidlu aħna u nbiddlu l-affarijiet li rridu nbiddlu.

Ħaġa oħra li jissemmew ħafna f’dawn il-ġranet huma l-imberkin reżoluzzjonijiet. Min ħa jibda d-dieta, min ħa jaqta’ xi vizzju u mitt elf reżoluzzjoni oħra, li ħafna drabi jinkisru l-għada ta’ l-ewwel tas-sena! Kollox nippruvaw nagħmlu reżoluzzjoni għax kollox idejjaqna, barra l-istil li drajna ngħixu fih, dak donnu ma jtiniex fastidju. Il-ħajja mgħaġġla ta’ llum nessietna kif nużaw il-ħin li għandna sew u x’inhuma l-veri prijoritajiet f’ħajjitna. Idea tajba kieku bħala reżoluzzjoni nippruvaw inbiddlu l-istil ta’ ħajja li drajna ngħixu fiha. Sirna qisna magni dejjem niġru wara l-ħin biex nlaħħqu ma’ kollox. Insejna li aħna bnedmin li rridu naħdmu biex nistrieħu u mhux nistrieħu biex naħdmu! Hemm bżonn nerġgħu nitgħallmu kif ngħixu u nħallu lil Alla jigwidalna ħajjitna, Hu li Hu d-dawl ta’ kull bniedem.

Ejjew nirringrazzjaw lil Alla tas-sena li għaddiet u nitolbuh biex matul din is-sena jżomm idejh fuqna ħalli f’kull ħaġa li ngħaddu minnha ngħarfuh u nibqgħu fil-grazzja tiegħu.

Monday, 17 December 2007

Milied Ieħor Bħal Ta' Qablu?


Wasal Milied ieħor tiżjijn, rigali, ikliet, ġiri minn ħanut għal l-ieħor u nsomma ġenn sħiħ! Ħafna jieħdu qatgħa x'ħin jasal daż-żmien aparti l-uġiegħ ta’ ras li taqbadhom biex jixtru r-rigali!

Imma kos waqt li aħna nkunu għaddejjin inżejnu u nixxalaw hemm ħutna li qed ibatu. Qed jistennewna nindunaw bihom, nuruhom l-imħabba u li l-milied jiġi għalihom ukoll. Sfortunatament qed insiru egoisti, l-aqwa li nkunu sew aħna u ma jimpurtaniex minn ħaddieħor. Ħafna jaħsbu li nies fil-bżonn qiegħdin il-bogħod minna jew li trid tagħmel xi ħaġa kbira biex tgħin. Dan mhux minnu għax b’sempliċi tbissima jew att żgħir ta’ ħniena tista’ tbiddel ħajja ta’ xi ħadd.

F’dan iż-żmien isir ħafna ġbir u l-poplu Malti jikkontribwixxi bi ħġaru għalihom. Naturalment hi ħaġa faċli li wieħed idaħħal idu fil-but u jagħti xi ħaġa minn dak li jkollu, żgur li ma tagħmilx daqshekk diferenza għal dak li jkun! L-emozzjonijiet li jqanqlu fina diversi reklami u diskors li jiġi repettut kemm il-darba, jqajmu fina sensazzjonaliżmu u ħeġġa biex nagħtu xi ħaġa biex ngħinu u forsi nirbħu ukoll! Hawn min jserraħ ftit il-kuxenzja għax jgħid li għamel karità meta jkun ta xi ħaġa. Min jaħseb hekk għandu idea żbaljata ta' xi tfisser veru karità.

Karità hi meta wieħed jagħti xi ħaga bla ma jistenna xejn lura. Hemm diversi modi kif tagħmel karità apparti billi tagħti l-flus. Meta tpoġġi ruħek fiż-żarbun ta’ min hu mġarrab u tkun hemm ħdejh biex tgħin f’dak li jkollu bżonn, għalija hi l-isbaħ karità li wieħed jista' jagħmel. Il-flus żgur ma jgħinux f’każijiet ta’ solitudni u għajnuna fiżika. Hawnhekk il-bniedem jkollu bżonn il-kuntatt uman, li jħoss li hemm xi ħadd jaħseb fih u jgħinu. Xi ħaġa li l-flus ma jistgħux ituk!

Għalhekk nagħmlu dan il-Milied differenti minn ta’ qablu billi nagħtu ftit mill-ħin u l-imħabba tagħna lil xi ħadd. B’dan il-mod tkun qed tagħti u taqla int ukoll! Dan il-Milied tistenniex rigali, iżda agħti minn dak li tista’ u stenna lil Ġesù ġej jitwieled f’qalbek!

Wednesday, 14 November 2007

Ix-xahar ta’ Novembru... Xahar tal-mejtin jew tal-ħajjin?


F’dinja fejn il-mediċina u x-xjenza iktar qed jevolvu, b’riżultat li n-nies qed jgħixu iktar, il-kelma mewt saret tbezzagħna. Il-ħajja mgħaġġla li qed ngħixu saret aljenazjoni. Nagħmlu minn kollox biex nieħdu ħsieb ġisimna u biex nidhru sbieħ, pero’ m’għadx fadilna ċans biex nħarsu sew fil-mera. Niċċekjaw i]-żarbun, il-ħwejjeġ u elf haġa oħra imma ninsew inħarsu lejn wiċċna li jkun mingħajr tbissima! Dan jixhed li m’hemmx paċi fi qlubna u jkun fadlina biss iċ-ċirassa fuq il-kejk biex nkunu tassew kompluti, lil Dak li ħalaqna biex inkunu tieghU!

F’dan il-perjodu niftakru f’dawk li ħallew din id-dinja. Dawn wkoll kienu ħajjin bħalna fuq din l-art u issa waslu biex ħassdu dak li ħadmu għalih f’din id-dinja. Żgura li dawk li qiegħdin il-ġenna jitolbu biex meta jasal il-waqt inkunu magħhom ingawdu l’Alla. Fil-waqt li dawk li qiegħdin l-infern jixtiequ jwissuna biex ma mmorrux inbatu għal dejjem bħalhom.

Kull min jitwieled irid imut. Ħadd ma jaf meta ħa tħabbatlu biebu l-mewt. Għalhekk għandna dejjem nkunu ppreparati għal dal-waqt għax meta jasal il-waqt imbgħad ikun tard wisq! Minn issa rridu naħdmu għall-ħajja ta’ dejjem! Importanti li ma kull makeover li nagħmlu, nagħmlu wiehed ieħor lil ruħna ukoll.

F’dan iż-żmien ħafna jmorru ċ-ċimiterji bħala rispett lejn qrabthom. Naħseb li dan il-post jgħinna biex naraw eżatt x’inhu l-veru sens ta’ ħajjitna. Dak li aħna qiegħdin hawn biss misulfin u meta jgħaddilna ż-żmien rridu mmorru ħdejn il-ħallieq. Importanti wkoll li jkollna fidi soda u nemmnu li dawk li ħallewna m’hummiex midfunin fl-oqbra imma ħajjin ma' Missierna tas-sema.

Bħal ma kien jagħmel San Ġorġ Preca niftakru li għad fadalu l-vjaġġ tagħna u jintemm meta naslu fis-sema pajjiżna. Għalhekk tajjeb li minn żmien għal żmien immorru saċ-ċimiterji biex ma ninsewx li ħajjitna trid tintemm minn din id-dinja biex terġa titwieled għall-ħajja ta’ dejjem. Nieħdu u nimxu fuq l-eżempju ta’ San Ġorġ Preca li dak li mhux etern m’hu xejn!