Friday, 29 August 2008

It-Triq Lejn il-Konversjoni


F’ għeluq l-elfejn sena mit-twelied ta' l-Appostlu kbir San Pawl, il-knisja qed tfakkar dan l-avveniment mad-dinja kollha permess tas-sena Pawlina. Is-sena Pawlina bdiet fid-disgħa u għoxrin ta’ Ġunju u ħa tkompli għadejja matul din is-sena kollha.

L-iskop ta’ l-attivitajiet li qed isiru b’ konnesjoni ma' Missierna San Pawl, huwa biex in-nisrani isir jaf aktar dwar kif għex u kif jista’ jimita lil dan il-qaddis tant ħabbrieki biex iwassal il-kelma t’Alla lil ġnus. San Pawl kien ċittadin Ruman u kien miġnun biex jippratika ir-reliġjon Lhudija fl-irqaqat kollha tagħha. Baqa’ sejjer hekk sakemm darba bħas-soltu kien sejjer biex jippersegwita l-Insara. Kien propju fit-triq għal Damasku meta l-Mulej sejjaħ lil Pawlu. Minn hemm il-quddiem saret bidla radikali f’Pawlu. Min-naħa tiegħu Pawlu ma setax jagħmel dak li Alla ried minnu mingħajr ma jaf min hu. Interssanti it-tweġiba li tah Ġesù: ‘Jien Hu dak li int qiegħed tippersegwita’. Tweġiba qasira għal bniedem li kien sema’ b’Ġesù bla ma qatt qabel skopra min hu verament imma kienet biżżejjed biex jibda jifhem min hu Ġesù. Minn hemm imbgħad mar għand Hannanija fejn hemmhekk tgħammed u beda jitgħallem l-iskrittura.

Peress li Pawlu ma kienx wieħed mit-tnax l’appostlu lil Ġesù ma sarx jafu meta kien għadu f’din id-dinja imma sar jafu wara li qawmien mill-mewt tiegħu. Fl-ittri jgħid li Ġesù nnifsu kien jidirhlu u b’hekk sar jaf x’gara meta Ġesù kien għadu magħhom f’din id-dinja. Pawlu ikkonverta l-ewwel pagani fil-Knisja u għallem kemm felaħ l-Evanġelu għax kien ċert u jemmen li dak li kien qed jgħallem kien kollu verità. Minkejja li għadda minn ħafna tbatija xorta baqa’ jxandar l-Evanġelu sa l-aħħar mumenti ta’ ħajtu. Seta’ jagħmel dan għax baqa’ jżomm sħiħ f’dak li jemmen u kien żgur li Alla kien dejjem miegħu.

It-triq tal-konversjoni m’hiex waħda faċli u trid tkun ippreparat għal ħafna ostakli u tbatija pero’ bl-għajnuna t’Alla jirnexxilna negħlbuhom kollha. M’għandniex naqtgħu qalbna milli nsiru qaddisin għax Alla jsejjaħ lil kulħadd, kif rajna mill-ħajja ta’ Missierna San Pawl jiddependi biss minna, nisimawhx jew le!

No comments: