Monday 13 April 2009

L-Imħabba


L-imħabba x’inhi…? Mistoqsija magħmulha minn ħafna nies li ’mpossibli issib tweġiba waħda għaliha, għax kulħadd jesperjenzaha b’modi u f’waqtiet differenti tal-ħajja.

L-imħabba hija miżrugħha fil-qalb ta’ kull bniedem u tikber bil-mod. Din l-imħabba trid tissaqqa kontinwament, minn persuni li jaqsmu mal-oħrajn mill-istess imħabba li jkunu irċevew huma. Meta persuna dduq l-imħabba vera, ma tistax iżżommha għaliha, għax tħoss il-bżonn li taqsamha ma ħaddieħor. Din ix-xewqa li jkun maħbub u li jħobb qegħda fil-qalb ta’ kulħadd.

L-imħabba trid tinbena fis-sod u biż-żmien. Biex wieħed jasal li jħobb lil persuna oħra, irrid jibda billi jsir jaf lil din il-persuna, u iktar ma wieħed jinsa lilu nnifsu, iktar ikun jirnexxielu jħobb. Jekk nagħtu ħarsa lejn il-vokazzjonijiet, nindunaw li kull vokazzjoni hija msejsa fuq dawn iż-żewġ elementi prinċipali: l-imħabba, u l-għotja tagħhom infushom. Kemm fil-vokazzjoni taż-żwieġ, kif ukoll tas-saċerdoti, sorijiet jew lajċi mpenjati, ilkoll irid ikollhom l-imħabba u l-għotja tagħhom infushom fil-fond ta’ qalbhom.

Qawl taljan jgħid: ‘non ce rosa, senza spine’. Bħal ma warda sabiħa tista tniggeż bix-xewk tagħha, hekk ukoll l-imħabba. L-imħabba hija ferm sabiħa, imma taf tweġġa’ meta tagħraf tħobb mingħajr ma tistenna xejn lura. Madre Tereża kienet tgħid: ‘Love until it hurts’, u lkoll nafu kemm din tinvolvi sagrifiċċji kbar! Fiż-żwieġ, kemm-il darba l-ġenituri ikollhom jiċċaħdu minn affarijiet biex jaraw lil uliedhom aħjar, u l-akbar għafsa ta’ qalb tal-ġenituri tkun meta uliedhom ma japprezzawx dak li għamlu għalihom, u saħansitra jabbandunawhom jew iduru kontrihom. L-istess jiġri mas-saċerdot, li jkun offra ħajtu biex iwassal lil Kristu għand l-oħrajn, u minħabba li jkun dagħjjef, ta’ bniedem bħal oħrajn li hu, xi nies iduru kontrih u kontra l-Knisja.

Kieku kellha ssir lista’ ta’ nies li weġġgħu, jew qed iweġġgħu minħabba li l-imħabba li juru, din zgur ma tispiċċa qatt. Taf tkun faċli li nies bħal dawn jinterpretaw l-imħabba b’mod ikrah u negattiv, minħabba n-nuqqas ta’ mħabba vera u sinċiera li kellhom f’ħajjiethom. Pero San Pawl jagħmlilna kuraġġ, fl-ittra tiegħu lil Korintin, meta jgħid: ‘M’hemmx imħabba aqwa minn din li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu! L-imħabba taf tistabar u tħenn, l-imħabba m’hijiex għajjura, ma tintefaħx biha nnifisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn, ma tixtieqx dak li mhux xieraq, ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla, ma żżommx f’qalbha għad-deni, ma tifraħx bl-inġustizzja imma tifraħ bil-verità, kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti, l-imħabba ma tintemm qatt.’ (1 Kor 13:8)

Jekk ilkoll nimxu fuq dawn l-kwalitajiet ta’ l-imħabba, żgur li l-imħabba vera tikber fostna!

No comments: