Monday, 30 July 2007

Briju nagħmlu u bir-raġun!


Żmien il-festi daħal ġmielu fil-gżejjer Maltin. Kull belt u raħal f’Malta tiċċelebra kif jafu jagħmlu l-Maltin biss. Qubbajt u karamelli, sfafar u ġugarelli, u min ibiegħ l-imqaret. Minn kull fejn tgħaddi fit-toroq tar-Raħal tara tiżjin mill-aqwa, maħdum b’sengħa liema bħala. Murtali, kuluri mill-isbaħ, marċi mogħtija minn baned mill-aqwa, bandalori u x’iktar?

‘Viva l-Magnus’, ‘Viva tagħna biss’ u elf versjoni oħra li jindirizzaw biha l-Qaddis/a n-nies tar-raħal kkonċernat. Karti minn kull fejn tgħaddi l-istatwa nhar il-festa, ċapċip hu u għaddej il-marċ brijjuż li jkompli jagħti kulur lill-festa tar-raħal.

U l-qniepen! Il-qniepen idoqqu għalenija isejħu lill-parruċċani biex fit-tlett ijiem tat-tridu, jew fin-novena bi preparazzjoni għall-festa tal-Qaddis/a, jersqu bi ħġarhom jisimgħu u jitgħallmu xi ħaġa ġdida fuq il-patrun/a tagħhom. Biex jisiltu xi tagħlima li jenħtieġu jieħdu lura magħhom id-dar biex minn sena għall-oħra jitħarrġu f’xi virtù li kien jgħix b’mod erojku l-qaddis/a patrun/a tar-Raħal.

Id-dar kulħadd jagħti daqqa t'id għall-preparazzjoni ta' ikla mill-aqwa u jieklu flimkien mal-familjari u l-ħbieb. Kull fejn tgħaddi tara ħbieb u qraba jħabbtu t-tazzi u jixorbu b’risq il-festa.

U l-festa tiġi u tmur u l-għada tal-festa mmorru x-xalata, għaliex le?

Nistaqsik: X’baqa’ mill-festa?

Forsi xi filmat li ġbidt biex tieħu gost titkellem ma’ sħabek tax-xogħol u tiftaħar bil-ġmiel tal-Knisja tar-Raħal. Forsi xi erba’ ritratti li rnexxilek tieħu hi u għadejja l-purċissjoni.

U x’iktar?

Staqsi ftit lilek innifsek ħabib/a
  • Attendejt għat-tridu/ novena tal-festa? X’tgħallimt?


  • Qerrejt u tqarbint għall-okkażżjoni jew anqas ħassejt il-ħtieġa?


  • L-ilbies u l-imġieba tiegħek fil-festa kien jagħti glorja l’Alla u ġieħ lill-patrun/a tar-raħal tiegħek?


  • Kemm taħseb li kien kuntent il-patrun/a tiegħek bil-festa li saritlu?

Jalla l-festi tagħna jkunu festi insara, ta’ vera kif jixraq lill-qaddisin protetturi tal-bliet u l-irħula tagħna.

Sunday, 3 June 2007

Il-kanonizazzjoni ta’ San Gorg Preca. X’baqa’ f’qalbi?


It-3 ta’ Ġunju 2007 huwa tassew jum memorabbli għalina l-Maltin. Dan is-saċerdot twajjeb, umli u manswet ser jiġi ddikjarat qaddis. Ħafna minna doqna mill-benna tal-qdusija tiegħu, kellimnih, smajnih, rajnih u xtaqna li jibqa’ ħaj fostna. Is-soċjeta’ tad-Duttrina Nisranija, MUSEUM, tibqa’ l-monument ħaj tiegħu.


Ried li Ġesu’ jkun magħruf u maħbub. Ħadem biex ressaq lin-nies lejn Alla, biex jagħrfuh, iħobbuh u jaqduh. Kien iqanqal il-qlub għall-indiema. Issagrifika ħajtu biex jgħallem u jqarar. Kien jibża’ wisq għat-tfal u kien jixtieqiħarishom minn kull deni tar-ruħ u tal-ġisem. Kiteb ħafna ittri ta’ faraġ u sabbar lil ħafna. Kien imfittex għax kien qaddis u n-nies bkietu u ġiet warajh.


Illum qegħdin inġarbu ferħ kbir f’qalbna għal dan il-qaddis Malti.Il-ġimgħa d-dieħla x’ser jiġri minn dan il-ferħ? X’effett ser iħalli fil-ħajja tiegħek fir-relazzjoni tiegħek ma’ Alla? Tixtieq tibdel ħajtek imqanqal mill-ħajja li kellu San Gorg? Qed tħoss fik xi xrara ta’ vokazzjoni?


Itolbu u San Gorg żgur li jagħtik l-għajnuna biex twieġeb għas-sejħa li qed jagħmillek il-Mulej.