Wednesday, 14 November 2007

Ix-xahar ta’ Novembru... Xahar tal-mejtin jew tal-ħajjin?


F’dinja fejn il-mediċina u x-xjenza iktar qed jevolvu, b’riżultat li n-nies qed jgħixu iktar, il-kelma mewt saret tbezzagħna. Il-ħajja mgħaġġla li qed ngħixu saret aljenazjoni. Nagħmlu minn kollox biex nieħdu ħsieb ġisimna u biex nidhru sbieħ, pero’ m’għadx fadilna ċans biex nħarsu sew fil-mera. Niċċekjaw i]-żarbun, il-ħwejjeġ u elf haġa oħra imma ninsew inħarsu lejn wiċċna li jkun mingħajr tbissima! Dan jixhed li m’hemmx paċi fi qlubna u jkun fadlina biss iċ-ċirassa fuq il-kejk biex nkunu tassew kompluti, lil Dak li ħalaqna biex inkunu tieghU!

F’dan il-perjodu niftakru f’dawk li ħallew din id-dinja. Dawn wkoll kienu ħajjin bħalna fuq din l-art u issa waslu biex ħassdu dak li ħadmu għalih f’din id-dinja. Żgura li dawk li qiegħdin il-ġenna jitolbu biex meta jasal il-waqt inkunu magħhom ingawdu l’Alla. Fil-waqt li dawk li qiegħdin l-infern jixtiequ jwissuna biex ma mmorrux inbatu għal dejjem bħalhom.

Kull min jitwieled irid imut. Ħadd ma jaf meta ħa tħabbatlu biebu l-mewt. Għalhekk għandna dejjem nkunu ppreparati għal dal-waqt għax meta jasal il-waqt imbgħad ikun tard wisq! Minn issa rridu naħdmu għall-ħajja ta’ dejjem! Importanti li ma kull makeover li nagħmlu, nagħmlu wiehed ieħor lil ruħna ukoll.

F’dan iż-żmien ħafna jmorru ċ-ċimiterji bħala rispett lejn qrabthom. Naħseb li dan il-post jgħinna biex naraw eżatt x’inhu l-veru sens ta’ ħajjitna. Dak li aħna qiegħdin hawn biss misulfin u meta jgħaddilna ż-żmien rridu mmorru ħdejn il-ħallieq. Importanti wkoll li jkollna fidi soda u nemmnu li dawk li ħallewna m’hummiex midfunin fl-oqbra imma ħajjin ma' Missierna tas-sema.

Bħal ma kien jagħmel San Ġorġ Preca niftakru li għad fadalu l-vjaġġ tagħna u jintemm meta naslu fis-sema pajjiżna. Għalhekk tajjeb li minn żmien għal żmien immorru saċ-ċimiterji biex ma ninsewx li ħajjitna trid tintemm minn din id-dinja biex terġa titwieled għall-ħajja ta’ dejjem. Nieħdu u nimxu fuq l-eżempju ta’ San Ġorġ Preca li dak li mhux etern m’hu xejn!

Friday, 7 September 2007

L-Ambjent Naturali Malti


Spiss niltaqgħu ma’ Maltin li jkunu ġejjin minn btala jew anke aħna stess inkunu morna f’xi pajjiż barrani għall-mistrieħ u naturalment toħroġ waħedha l-espressjoni “Xi ġmiel!’’ Bir-raġun kulma għamel Alla hu kollu sabiħ u jsaħħar lil kull min jaf japprezza n-natura.

Jista’ jkun li nħossuna xi ftit inferjuri… għax m’għandniex muntanji… għax aħna m’għandniex silġ u xmajjar… aħna m’għandniex mergħat u kwantitajiet kbar ta’ baqar u ngħaġ… m’għandniex l-ispeċi ta’ fjuri li għandhom huma… u nistgħu nibqgħu sejrin.

L-aħwa, Alla jaf iqassam ir-rigali tiegħu lil min irid, kif u fejn irid “Ma għandix jien il-jedd li nagħmel li rrid b’ġidi?.........” (Matt.20,15) u lilna wkoll Alla l-Imbierek għaniena b’natura tipika tal-pajjiżi ta’ madwar il-Mediterran: għandna gżira żgħira imma sinjura fiċ-ċokon tagħha…

L-baħar blu mogħni bi ġmiel fil-fond tiegħu speċjalment lejn in-naħa taċ-Cirkewwa fejn diversi għaddasa jiġu għal esperjenzi ta’ din is-sbuħija… imma m’għandniex dniefel wisq għax isibu ruħhom maqbudin fix-xbiek u jifggħu, minbarra in-noise pollution li tinsab fl-ambjenti fejn igħixu.

L-pajsaġġ malti, bil-ħitan tipiċi tas-sejjiegħ, iservu ta’ kenn għal diversi ħlejjaq. Il-ħajja fix-xagħri, jikbru tant ħxejjex endemiċi wħud minnhom anke bi kwalitajiet mediċinali. Insemmu s-Sagħtar, ix-Xewk l-Abjad, il-Fidloqqom u tant oħrajn li minn nectar tagħhom in-naħla tagħmel l-għasel tipiku malti.
Kemm fil-fatt nibżgħu għal dan il-pajsaġġ u xi ngħidu meta nidħlu aktar il-ġewwa lejn il-makkja bl-arbuxxelli u siġar żgħar?
Kemm qed napprezzaw dawn is-siġar: il-balluta, il-ħarruba, is-siġar taż-żnuber, iż-żebbuġ etc? Dawn idumu snin biex jikbru, imma jaf jinqerdu f’minuti minn individwi li ma japprezzawx is-sbuħija tagħhom. Irridu napprezzaw ukoll id-dell li joffru, il-kenn li jagħtu lil ħlejjaq oħra u l-frott bnin li jgħajjixna… biex ma nsemmux il-prodotti bnini ta’ l-art tagħna li l-bdiewa maltin joffrulna bl-għaraq ta’ xbinhom.

Malta għandna varjeta’ kbira ta’ annimali:
Rettili bħal gremxula ta’ Malta,ħut bħal lampuki li jpassu, għasafar bħal Kokka tax-Xagħri li llum hija skarsa ħafna,mammiferi bħal qanfud u ħafna ħlejjaq oħra bħal l-insetti,molluski etc.min jgħix fuq l-art u min jgħix ġo l-ilma ħelu jew mielaħ.

Ta’ min isemmi li l-gżejjer tagħna għandhom diversita’ kbira ta’ pjanti,kollha addattaw ruħhom biex jgħixu fil-klima tagħna…min qrib il-baħar u min il-ġewwa mix-xtut.

Hekk naraw kemm għandna ninteressaw ruħna li nkunu nafu,naqraw u nitgħallmu dwar l-ambjent naturali tagħna . Nitgħallmu napprezzaw u nibżgħu għalih. Dak li jintilef bin-nuqqas ta’ ħsieb u traskuraġni tagħna qatt ma jerġa’ lura.Mela nedukaw bil-kelma u l-eżempju ħalli nkunu wkoll ferħanin u kburin b’pajjiżna…nippruvaw nkunu aktar nodfa ,ma naħlux l-ilma ħelu u nibżgħu għall-baħar tagħna,nieħdu ħsieb il-fawna tagħna u nħawlu aktar xtieli u siġar biex Malta tagħna terġa tħaddar bil-ħajja.

Monday, 30 July 2007

Briju nagħmlu u bir-raġun!


Żmien il-festi daħal ġmielu fil-gżejjer Maltin. Kull belt u raħal f’Malta tiċċelebra kif jafu jagħmlu l-Maltin biss. Qubbajt u karamelli, sfafar u ġugarelli, u min ibiegħ l-imqaret. Minn kull fejn tgħaddi fit-toroq tar-Raħal tara tiżjin mill-aqwa, maħdum b’sengħa liema bħala. Murtali, kuluri mill-isbaħ, marċi mogħtija minn baned mill-aqwa, bandalori u x’iktar?

‘Viva l-Magnus’, ‘Viva tagħna biss’ u elf versjoni oħra li jindirizzaw biha l-Qaddis/a n-nies tar-raħal kkonċernat. Karti minn kull fejn tgħaddi l-istatwa nhar il-festa, ċapċip hu u għaddej il-marċ brijjuż li jkompli jagħti kulur lill-festa tar-raħal.

U l-qniepen! Il-qniepen idoqqu għalenija isejħu lill-parruċċani biex fit-tlett ijiem tat-tridu, jew fin-novena bi preparazzjoni għall-festa tal-Qaddis/a, jersqu bi ħġarhom jisimgħu u jitgħallmu xi ħaġa ġdida fuq il-patrun/a tagħhom. Biex jisiltu xi tagħlima li jenħtieġu jieħdu lura magħhom id-dar biex minn sena għall-oħra jitħarrġu f’xi virtù li kien jgħix b’mod erojku l-qaddis/a patrun/a tar-Raħal.

Id-dar kulħadd jagħti daqqa t'id għall-preparazzjoni ta' ikla mill-aqwa u jieklu flimkien mal-familjari u l-ħbieb. Kull fejn tgħaddi tara ħbieb u qraba jħabbtu t-tazzi u jixorbu b’risq il-festa.

U l-festa tiġi u tmur u l-għada tal-festa mmorru x-xalata, għaliex le?

Nistaqsik: X’baqa’ mill-festa?

Forsi xi filmat li ġbidt biex tieħu gost titkellem ma’ sħabek tax-xogħol u tiftaħar bil-ġmiel tal-Knisja tar-Raħal. Forsi xi erba’ ritratti li rnexxilek tieħu hi u għadejja l-purċissjoni.

U x’iktar?

Staqsi ftit lilek innifsek ħabib/a
  • Attendejt għat-tridu/ novena tal-festa? X’tgħallimt?


  • Qerrejt u tqarbint għall-okkażżjoni jew anqas ħassejt il-ħtieġa?


  • L-ilbies u l-imġieba tiegħek fil-festa kien jagħti glorja l’Alla u ġieħ lill-patrun/a tar-raħal tiegħek?


  • Kemm taħseb li kien kuntent il-patrun/a tiegħek bil-festa li saritlu?

Jalla l-festi tagħna jkunu festi insara, ta’ vera kif jixraq lill-qaddisin protetturi tal-bliet u l-irħula tagħna.

Sunday, 3 June 2007

Il-kanonizazzjoni ta’ San Gorg Preca. X’baqa’ f’qalbi?


It-3 ta’ Ġunju 2007 huwa tassew jum memorabbli għalina l-Maltin. Dan is-saċerdot twajjeb, umli u manswet ser jiġi ddikjarat qaddis. Ħafna minna doqna mill-benna tal-qdusija tiegħu, kellimnih, smajnih, rajnih u xtaqna li jibqa’ ħaj fostna. Is-soċjeta’ tad-Duttrina Nisranija, MUSEUM, tibqa’ l-monument ħaj tiegħu.


Ried li Ġesu’ jkun magħruf u maħbub. Ħadem biex ressaq lin-nies lejn Alla, biex jagħrfuh, iħobbuh u jaqduh. Kien iqanqal il-qlub għall-indiema. Issagrifika ħajtu biex jgħallem u jqarar. Kien jibża’ wisq għat-tfal u kien jixtieqiħarishom minn kull deni tar-ruħ u tal-ġisem. Kiteb ħafna ittri ta’ faraġ u sabbar lil ħafna. Kien imfittex għax kien qaddis u n-nies bkietu u ġiet warajh.


Illum qegħdin inġarbu ferħ kbir f’qalbna għal dan il-qaddis Malti.Il-ġimgħa d-dieħla x’ser jiġri minn dan il-ferħ? X’effett ser iħalli fil-ħajja tiegħek fir-relazzjoni tiegħek ma’ Alla? Tixtieq tibdel ħajtek imqanqal mill-ħajja li kellu San Gorg? Qed tħoss fik xi xrara ta’ vokazzjoni?


Itolbu u San Gorg żgur li jagħtik l-għajnuna biex twieġeb għas-sejħa li qed jagħmillek il-Mulej.