Sunday 25 January 2009

Wara li Jgħaddi Kollox


Il-bambini jerġgħu jidħlu lura f’posthom, is-siġra tal-milied tiżżarma u kollox jerġa’ lura għan-normal. Kulħadd jerġa’ jibda r-rutina tas-soltu, it-tfal lura fuq il-bankijiet ta' l-iskola u l-kbar fuq il-postijiet tax-xogħol.

Terġa tibda toħnoqna l-konfużjoni u l-ġenn tal-ħajja li tħallina bla nifs! Sakemm ma kienx hawn min ħadem u ġġennen iktar fil-milied, li naħseb kien hawn numru mhux ħażin! Imma f’dan l-artiklu nixtieq nerġa nagħmel ‘rewind’ u niffoka ftit fuq x’ħadna minn din it-tifkira tant kbira u sabieħa tat-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu. Xi ftit jew wisq kulħadd kellu ftit ħin liberu fejn seta’ jidħol fl-atmosfera tal-Milied. Meta ngħid tidħol fl-atmosfera miniex nirreferi għall-affarijiet artifiċjali bħal parties u ikliet li huma sinonimi maż-żmien tal-Milied.

Ta’ kull sena nagħmlu t-tifkira ta’ ġrajja li ġrat ftit aktar minn elfejn sena ilu meta f’daqsxejn ta’ għar f’Betlehem twieldet tarbija li kellha tkun id-dawl ta’ kull bniedem. Aħna ma nfakkrux tifkira li ġrat darba u daqshekk imma li għadha u tibqa’ isseħħ sa l-aħħar tad-dinja! Dan għaliex Ġesù twieled għal kull bniedem kemm għal ġenerazzjonijiet ta’ qabilna kif ukoll għal dawk li għadhom ġejjin. Kull Milied mhux bħal ta’ qablu, kull Milied għandu messaġġ differenti xi jwasslina. Il-Milied irid iħalli effett fuqna matul is-sena kollha, inkella l-Milied seta’ ma ġie xejn!

Il-veru Milied ifisser imħabba bla qies minn Alla li ġie fid-dinja u sar bniedem biex jifdi lili u lilek! Mela issa din l-imħabba trid timxi minn bniedem għall-ieħor bħan-nixxiegħa ilma u tasal sa truf l-art kollha! Jekk matul din is-sena kulħadd jipprova jwassal din l-imħabba lil dawk ta’ madawru, jkun verament qed jgħix il-Milied is-sena kollha!

Awguri għal sena mimlija ferħ, paċi tal-qalb, saħħa u fuq kollox li ngħixu l-Milied is-sena kollha!
B'hekk ikun Milied li fih Ġesù Bambin twieled f'qalba, u kompla jgħix magħna tul ħajjietna kollha.

No comments: