Saturday 7 February 2009

Il-Fidi



Il-fidi… kelma tqila biex tifhimha għax hi twemmin ibbażat fuq ir-raġuni, imma ma tistax taraha jew tippruvaha bix-xjenza. Forsi ħafna jorbtu l-fidi mar-reliġjon, imma fil-verità tista tgħid li niġu bżonnha kuljum.

It-tfal ma joqogħdux jiċċekkjaw jekk fil-lunch li jkunu preparawlhom il-ġenituri għall-iskola, ikunux għamlulhom xi velenu, għax huma ċerti mill-imħabba tagħhom tant li għandhom fiduċja għamja li mhux ħa jtuhom affarijiet li jagħmlulhom il-ħsara. Jekk mill-banda l-oħra qatt ma jkunu irċevew imħabba mill-ġenituri jew issir xi azzjoni li kaġun tagħha jitilfu il-fiduċja fil-genituri taghhom, allura jiddubitaw kollox, u jħossu ċerta indifferenza u bruda minħabba din in-nuqqas ta’ mħabba.

Dan il-paragun hu simili tal-fidi tagħna f’Alla. Hawn min għandu fidi kbira f’Alla għax f’ħajtu kellu xi esperjenzi li kabbru fih żerriegħa ta’ fidi. Issib ukoll min ikun mgħammed u jkollu żerriegħa ta’ fidi, iżda ma tkunx intgħaġnet ma l-iżvilupp ta’ l-individwu. B’riżultat ta’ dan, il-bniedem irrid ikabbar fih il-fidi, biex b’hekk ikun jista jagħraf lil Alla.

Aħna l-insara rridu nkun nsara vera u mhux insara fejn jaqblilna biss! Inutli ngħidu li nemmnu f’Alla imbagħad nagħmlu distinzjoni bejn razza, reliġjon u kull tip ta’ diskriminazzjoni oħra. Il-qassisin, b’mod paritkulari, għandhom responsabilta’ kbira biex kollha kemm huma jilqgħu lil kulħadd. B’hekk tittneħħa din il-perspettiva ħażina li sfortunatament hawn tal-Knisja. Mhu veru xejn li l-Knisja hija partit politiku ieħor, kif jinstema’ jingħad fil-media. Il-Knisja waqqafha Sidna Ġesù Kristu bħala komunità li flimkien f’għaqda waħda tistqarr fidi waħda. Mela kif jista’ jkun li jiġu xi nsara u jgħidu li ma Alla iva, u mal-Knisja le?! Nammettu li fil-knisja saru u jsiru żbalji li ħabba fihom batew nies innoċenti u dan huwa ħażin u ta’ ħsara kbira, pero ma rridux ninsew li l-knisja hija mmexxija minn bnedmin u għalhekk hija suġġetta għall-izbalji. Xorta jibqa l-fatt li Ġesù ħalla f’idejn l-appostli biex imexxu l-knisja, u kien jaf x’isarfu, imma b’dan wera li fid-dinja ħadd u xejn mhu perfett, u li hu kapaċi jinqeda bid-dgħjufija tagħna l-bnedmin, biex iwettaq ir-rieda tiegħu.

Niftakru, li jekk aħna nsara ta’ veru, rridu nimxu dejjem wara Kristu, u għandna d-dmir li ngħaddu dan id-don tal-fidi lil kulħadd, hekk kif ġiet mgħoddija lilna minn Missierna San Pawl.

No comments: