Sunday, 25 January 2009

Wara li Jgħaddi Kollox


Il-bambini jerġgħu jidħlu lura f’posthom, is-siġra tal-milied tiżżarma u kollox jerġa’ lura għan-normal. Kulħadd jerġa’ jibda r-rutina tas-soltu, it-tfal lura fuq il-bankijiet ta' l-iskola u l-kbar fuq il-postijiet tax-xogħol.

Terġa tibda toħnoqna l-konfużjoni u l-ġenn tal-ħajja li tħallina bla nifs! Sakemm ma kienx hawn min ħadem u ġġennen iktar fil-milied, li naħseb kien hawn numru mhux ħażin! Imma f’dan l-artiklu nixtieq nerġa nagħmel ‘rewind’ u niffoka ftit fuq x’ħadna minn din it-tifkira tant kbira u sabieħa tat-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu. Xi ftit jew wisq kulħadd kellu ftit ħin liberu fejn seta’ jidħol fl-atmosfera tal-Milied. Meta ngħid tidħol fl-atmosfera miniex nirreferi għall-affarijiet artifiċjali bħal parties u ikliet li huma sinonimi maż-żmien tal-Milied.

Ta’ kull sena nagħmlu t-tifkira ta’ ġrajja li ġrat ftit aktar minn elfejn sena ilu meta f’daqsxejn ta’ għar f’Betlehem twieldet tarbija li kellha tkun id-dawl ta’ kull bniedem. Aħna ma nfakkrux tifkira li ġrat darba u daqshekk imma li għadha u tibqa’ isseħħ sa l-aħħar tad-dinja! Dan għaliex Ġesù twieled għal kull bniedem kemm għal ġenerazzjonijiet ta’ qabilna kif ukoll għal dawk li għadhom ġejjin. Kull Milied mhux bħal ta’ qablu, kull Milied għandu messaġġ differenti xi jwasslina. Il-Milied irid iħalli effett fuqna matul is-sena kollha, inkella l-Milied seta’ ma ġie xejn!

Il-veru Milied ifisser imħabba bla qies minn Alla li ġie fid-dinja u sar bniedem biex jifdi lili u lilek! Mela issa din l-imħabba trid timxi minn bniedem għall-ieħor bħan-nixxiegħa ilma u tasal sa truf l-art kollha! Jekk matul din is-sena kulħadd jipprova jwassal din l-imħabba lil dawk ta’ madawru, jkun verament qed jgħix il-Milied is-sena kollha!

Awguri għal sena mimlija ferħ, paċi tal-qalb, saħħa u fuq kollox li ngħixu l-Milied is-sena kollha!
B'hekk ikun Milied li fih Ġesù Bambin twieled f'qalba, u kompla jgħix magħna tul ħajjietna kollha.

Monday, 1 December 2008

Din is-Sena, Fejn Ħa Jitwieled Ġesù Bambin?


Bambin... iswed, abjad jew samrani? Ġesù kien Lhudi, allura aktarx li kellu karnaġġjon samrani, jixbah lil dak tagħna l-Maltin. Interesanti kif il-Bibbja ma tagħtix wisq importanza tad-dehra ta’ Ġesu’. Dan biex turi biċ-ċar li Ġesù ġie biex isalva lil kulħadd u biex kulħadd jinduna li d-dehra ta’ barra mhix kollox!
‘Do they know it’s Christmas time?' Din hija diska li tindaqq ħafna tul dawn iż-żminijiet u li naħseb għandha kliem sinifikanti ħafna. Kemm hawn nies li l-milied għalihom huwa ġurnata bħall-oħrajn, kollha vjolenza, inġustizzja u kull xorta ta’ tbatija oħra! Fejn hu Ġesu’ bambin fit-taqlib li hemm fl-Art Imqaddsa, post li ftit aktar minn elfejn sena ilu twieled Ġesù?
L-Afrika… In-nies imutu bħal għasfar tal-bejt b'marda qerrieda ta’ l-A.I.D.S, bil-ġuħ u bil-faqar. Il-milied iqattgħuh jaħdmu fis-sħana tax-xemx tiżreġ, biex forsi jkollhom x’jieklu għal dik il-lejla! X’milied għalihom!
Inħarsu lejn l-Awstralja... Hawn kieku issib ikel bir-rimi, imma għandhom tip ta' mewta oħra, dik ta’ ruħhom! Xalar u divertiment sfrenat, għawm u ‘sunbathing’. Dan hu l-milied għalihom. Tgħid hawnhekk hu l-post adattat fejn jitwieled Ġesu’ bambin?
U aħna l-Ewropej... Erħielna nżejnu d-djar u l-istabbilmenti aktar minn xahar qabel u ngħidu li ħa jitwieled fostna! Fuq skala iżgħar, ejjew naraw ftit x’jiġri f’pajjiżna, li fuq kollox nagħmlu parti mill-ewropa ukoll! Aħna 'l-Maltin minn dejjem kellna valuri msejsa fuq fidi soda, iżda sfortunatament qed nittieħdu mill-bqija ta’ l-ewropa! Għal grazzja t'Alla, Malta la għandna gwerrer u ħafna minna għandna saqaf fuq rasna u ngħixu komdi. B’danakollu ma nistgħux inkunu kuntenti billi nagħmlu l-bambini fit-twieqi biss! Jekk minagħalina li l-Milied hu dan, qejrin żballjati!
Irridu niftħu għajnejna biex naraw id-dmugħ sħun iċarar fuq ħaddejn omm, li tilfet lil binha f’dawn il-jiem, ta’ l-armla li qed trabbi lil uliedha waħedha. Nisimgħu il-karba tal-marid fl-isparijiet, u ħafna nies li qed jgħixu tbatija waħedhom fis-silenzju. Tbissima fuq fommna taf tbiddel ħajja ta' xi anzjan abbandunat minn familtu. Mela mmiddu idejna u nibdew naħdmu u ngħinu lil kulħadd. B’hekk Ġesù bambin ma jibqax f’dik l-istalla kiesħa ta’ Betlehem imma jitwieled fis-sħana tal-qalb ta’ kull bniedem!

Saturday, 1 November 2008

Il-Ġid Materjali, Kif Iwassal Għal Ġid Spiritwali?


Computers, mobiles, ħwejjeġ… Qatt ħsibt li dawn l-affarijiet kollha għad jispiċċaw, bżonjużi kemm huma bżonnjużi, u importanti f'ħajjitna? Forsi ħafna jgħidu, kif nistgħu ngħaddu mingħajrhom. Dan huwa veru, għax illum l-materjaliżmu u t-teknoloġija daħlu f’kollox u kullimkien!

Allura wieħed jistaqsi, kif nistgħu nimxu fuq l-Evanġelju u ma norbtux qalbna mal-ġid ta’ l-art meta qiegħdin f’dinja fejn il-materjaliżmu jirrenja! Alla għamilna fuq il-ħolqien kollu biex nieħdu ħsiebu u nużaw moħħna biex naħdmu tajjeb l-art u l-ġid kollu li tana għal ġid tagħna u tal-proxxmu tagħna kollu. X’ġara tul dawn l-aħħar ħamsin sena?... Saru ħafna skoperti u avvanzi li sfortunatament issa qed iħallu impatt ħażin fuq l-umanita’ kollha!

Wieħed mill-efetti ħżiena hu dak li sirna soċjeta’ sekulari, voldieri l-mezzi tal-miedia u t-teknoloġija qed jinfluwenzawna tant li qed jiklulna l-valuri li trawwimna fihom matul iż-żmien. Huwa tajjeb li nużaw it-teknoloġija u affarijiet oħra li jistgħu jgħinuna nimxu 'il quddiem f’din il-ħajja, imma rridu noqogħdu attenti li ma nitilfux l-eternita’ ħabba f’ hekk! Ħafna drabi niġu ilsiera tal-ġid tagħna stess għax jibda jikmandana u jsir prijorita’ għalina bla ma nindunaw!

Biex npoġġi dan li qed ngħid fil-prattika ħa nġib ftit sitwazzjonijiet mll-ħajja ta’ kuljum fejn qed iseħħ dan. Ħafna kopji li jkunu qed jaħsbu biex jibdew familja jaħdmu mis-sbieħ il-jum sad-dlama tal-lejl sabiex ilaħħqu ma l-ispejjez tat-tieġ u tad-dar….. Id-dar tlestiet, il-koppja żżewġet imma wara lanqas sena qiegħdin fil-kawża għas-seperazjoni! Fil-maġġoranza tal-kasi jiġri li tkun inagħtat ħafna importanza lil affarijiet esterni bħad-dar, tieġ etc…. u l-affarijiet l-iktar importanti u interurji bħar-relazzjoni bejn il-kopja kif ukoll r-relazzjoni m’Alla, jkunu tkissru totalment. Jew inkella kemm hawn min ħadem u stinka imbgħad telaq f’qasir il-għomor u ħalla kollox warajh!

Jekk nagħtu ħarsa lejn iċ-ċimiterji nindunaw li l-ħajja ta’ din l-art tgħaddi bħal ħolma. Moħħna jrid jaħseb dejjem kif ħa jinqeda sewwa bil-ġid li jgħaddi biex nakwistaw il-ħajja ta’ dejjem. Fl-aħħar mill-aħħar Alla mhux ha jistaqsina kemm kellna affarijiet imma kemm għinna lil-proxxmu bl-affarijiet li kellna!

Wednesday, 15 October 2008

Il-Pożitivita’ F’Ħajjitna


Għal ħafna, speċjalment l-istudenti u l-għalliema, il-vaganzi tas-sajf waslu fi tmiemhom u għandhom quddiemhom sena skolastika ġdida. Iebsa biex wara sajf ta’ mistrieħ terġa’ tingrana għar-rutina tax-xogħol jew ta’ l-iskola imma ż-żmien ikompli għaddej u r-rota trid tibqa’ ddur!

Trinn trinn trinnn....! L-iżverjarin idoqq f’xi sitta ta’ fil-għodu, qum iġri iġri isa, għax il-ħin qed jiġri aktar minnek! Ix-xogħol jew l-iskola tasal bla nifs u nsomma tkompli sejjer hekk sakemm terġa tpoġġi rasek fuq l-imħadda! Xi dwejjaq ta’ ħajja, issir qisek robot dejjem l-istess! Ġurnata t’erbgħa u għoxrin siegħa mhux biżżejjed bl-affarijiet, li kollha kemm aħna, jkollna x’ nagħmlu. Ovvjament dan kollu joħloq stress żejjed li jista’ jwassal għal ħafna dwejjaq u tgergir.

Imma minjaf kieku konna noqogħdu f’post fqir! Minnflokk inqumu bl-iżverjarin, inqumu bill-ħoss ta' xi serduq jidden jew ta’ xi annimali oħra li jkunu viċin ta’ dik imsejħa dar fejn inkunu noqogħdu. Ma tlugħ ix-xemx it-tfal ikunu ġa qiegħdin fl-għalqa, jiġġerrew mat-toroq jew inkella jiġu sfruttati billi jaħdmu f’xi postijiet b’kundizzjonijiet mhux xierqa għalihom. Forsi l-eżempju tal-fqar mhux daqshekk reali, għax ġeneralment il-foqra narahom biss fuq it-telvision. Imma naħseb li kulħadd xi darba jew oħra mar l-isptar, hemm tidħol f’qoxortok speċjalment jekk tmur fis-swali tat-tfal. Ma tistax ma tħossokx ixxurtjata ħdejn dawn l-innoċenti, int li int b’saħħtek!

Dawn li semmejt huma ftit eżempji ta’ kemm aħna għandna nkunu grati għal dak kollu li għandna! Talli Alla qajjimna għal ġurnata ġdida ta’ skola jew ta’ xogħol, talli għandna dar fejn noqogħodu u ta’ ħafna affarijiet oħra li sfortunatament noħduhom for granted! Għandna naraw il-pożittiv f’kollox anke meta l-affarijiet ma jiġux kif irriduhom aħna. Niftakru f’min hu inqas ixxurtjat minna u li Alla jimxi id f'id magħna tul ħajjitna kollha, lest biex jgħinna.
LEARN TO LOOK AT THE BRIGHT SIDE OF LIFE!

Friday, 29 August 2008

It-Triq Lejn il-Konversjoni


F’ għeluq l-elfejn sena mit-twelied ta' l-Appostlu kbir San Pawl, il-knisja qed tfakkar dan l-avveniment mad-dinja kollha permess tas-sena Pawlina. Is-sena Pawlina bdiet fid-disgħa u għoxrin ta’ Ġunju u ħa tkompli għadejja matul din is-sena kollha.

L-iskop ta’ l-attivitajiet li qed isiru b’ konnesjoni ma' Missierna San Pawl, huwa biex in-nisrani isir jaf aktar dwar kif għex u kif jista’ jimita lil dan il-qaddis tant ħabbrieki biex iwassal il-kelma t’Alla lil ġnus. San Pawl kien ċittadin Ruman u kien miġnun biex jippratika ir-reliġjon Lhudija fl-irqaqat kollha tagħha. Baqa’ sejjer hekk sakemm darba bħas-soltu kien sejjer biex jippersegwita l-Insara. Kien propju fit-triq għal Damasku meta l-Mulej sejjaħ lil Pawlu. Minn hemm il-quddiem saret bidla radikali f’Pawlu. Min-naħa tiegħu Pawlu ma setax jagħmel dak li Alla ried minnu mingħajr ma jaf min hu. Interssanti it-tweġiba li tah Ġesù: ‘Jien Hu dak li int qiegħed tippersegwita’. Tweġiba qasira għal bniedem li kien sema’ b’Ġesù bla ma qatt qabel skopra min hu verament imma kienet biżżejjed biex jibda jifhem min hu Ġesù. Minn hemm imbgħad mar għand Hannanija fejn hemmhekk tgħammed u beda jitgħallem l-iskrittura.

Peress li Pawlu ma kienx wieħed mit-tnax l’appostlu lil Ġesù ma sarx jafu meta kien għadu f’din id-dinja imma sar jafu wara li qawmien mill-mewt tiegħu. Fl-ittri jgħid li Ġesù nnifsu kien jidirhlu u b’hekk sar jaf x’gara meta Ġesù kien għadu magħhom f’din id-dinja. Pawlu ikkonverta l-ewwel pagani fil-Knisja u għallem kemm felaħ l-Evanġelu għax kien ċert u jemmen li dak li kien qed jgħallem kien kollu verità. Minkejja li għadda minn ħafna tbatija xorta baqa’ jxandar l-Evanġelu sa l-aħħar mumenti ta’ ħajtu. Seta’ jagħmel dan għax baqa’ jżomm sħiħ f’dak li jemmen u kien żgur li Alla kien dejjem miegħu.

It-triq tal-konversjoni m’hiex waħda faċli u trid tkun ippreparat għal ħafna ostakli u tbatija pero’ bl-għajnuna t’Alla jirnexxilna negħlbuhom kollha. M’għandniex naqtgħu qalbna milli nsiru qaddisin għax Alla jsejjaħ lil kulħadd, kif rajna mill-ħajja ta’ Missierna San Pawl jiddependi biss minna, nisimawhx jew le!

Wednesday, 20 August 2008

Il-Baħar - Dinja oħra li rridu nieħdu ħsieba


Bħalissa n-nies tistħajjilhom serbut nemel fuq il-bajjiet bil-kwantita’ li jkun hemm. Tinħass differenza kbira bejn tara bajja fix-xitwa u tara l-istess xtajta fis-sajf. B’kuntrast mas-sajf, fix-xitwa l-bajjiet ikunu bla ħajja, ma tarax ruħ, tinduna li kien hemm xi ħadd jekk tirfes xi siringa!
F’dan iż-żmien il-bajjiet ikunu miżgħuda bil-barbques li jsiru, bin-nies jgħumu il-ġurnata kollha u sfortunament bil-ħmieġ li jħallu warajhom ċerti nies irresponsabli! Ħafna drabi nismgħu ħafna fuq li għandna nħallu l-bajja nadifa għal min jiġi warajna imma l-baħar ftit li xejn nagħtu kasu.

Ninsew li l-bahar jagħmel parti mill-bajja ukoll. Huwa d-dar ta’ ħafna speċi ta’ ħut għalhekk il-baħar huwa dinja oħra li rridu nieħdu ħsiebha. L-egoiżmu li sar għandna ha jispiċċa biex fl-aħħar mill-aħħar joqtol lilna l-bnedmin fil-veru sens tal- kelma! L-aqwa li nieħdu gost u ninqdew aħna u ma jimpurtana minn xejn aktar. Kemm il-darba qabadna bżonn naturali u ma ħabbilna rasna xejn u għamilna fil-baħar? Hu dmirna li naraw li nżommu l-baħar nadif kemm għalina nfusna u kif ukoll għall-ħlejjaq li jgħixu fih.

Fenominu ieħor li sena wara sena jerġa jitfaċċa huwa n-numru kbir ta bram li jidħol mal-kurrent fi xtutna. Dan huwa ta detriment kbir prinċipalment għal żewġ raġunijiet. It-turismu jieħu spinta ‘il quddiem f’dan il-perjodu minħabba x-xemx u l-baħar. L-ekonomija tieħu daqqa l-isfel jekk it-turisti jonqsu ħabba dan il-fatt. Forsi ma jimpurtanix mit-turismu għax ma jolqotnix direttament, imma naħseb ħadd ma jieħu gost tigdmu xi brama u jitlef il-gost kollu li jkum qed jieħu! Minħabba n-nuqqas ta qarnit li inqabad u għadu jinqabad biex nissodisfaw ruħna aħna m’għadx baqa’ min jiekol il-bram b’riżultat li qed jaffettwa lilna ilkoll.

Il-baħar qiegħed hemm biex ngawduh pero’ noqogħdu attenti li ma neqirduhx bl-istess gost tagħna. Għandna d-dmir li nieħdu ħsieb tal-ħlejjaq li jgħixu fih u nippreservaw għal ġenerazjoni ta warajna.

Thursday, 10 July 2008

Jum Dinji taż-Żgħażagħ - 2008


“Intom ikollkom il-qawwa, meta jiġi l-Ispirtu s-Santu fuqkom, u tkunu xhud tiegħi” (Atti 1:8).
Din hija t-tema tal-jum dinji taż-żgħażagħ għal din is-sena li qed isir bħalissa f’Sydney, l-Awstralja.

Żgħażagħ minn kull pajjiż jinġabru flimkien minkejja d-differenzi fil-kulturi u l-lingwi fost l-oħrajn, b’għan wieħed komuni, dak li jimxu warajH! L-Awstralja huwa pajjiż enormi, minkejja dan, iż-żerriegħa tal-fidi naqset drastikament u m’għadiex tinżera biex titkattar u tikber mal-pajjiż kollu. Dan hu l-għan li ġie magħżul dan il-pajjiż, biex bl-enerġija u l-ħeġġa taż-żgħażagħ li ħa jitilgħu għal din l-esperjenza ferm sabiħa jsaqqu l-fidi dgħajfa ta’ min għadu jemmen, kif ukoll jiżirgħuha f’min ma jemminx.

Huwa mod sabiħ kif kulħadd ħa jirċievi u jagħti fl-istess ħin. Min ħa jmur hemm biex jagħti xhieda ta’ dak li jemmen fih zgur ħa jissaħħaħ u jimtela’ bil-qawwa x’ħin jara dawk in-nies kollha bl-istess fehma tiegħu u allura jinduna li mhuwiex waħdu li qed jipprova jgħix ta’ nisrani fid-dinja tal-lum. Fl-istess waqt, dawk li huma bierdin jew m’għandhomx fidi, jitqanqlu mill-ħeġġa u l-eżempju ta’ dawn iż-żgħażagħ biex huma ukoll iħossuH li qed jħabbtilhom u jistenniehom jiftħulu l-bieb ta’ qalbhom.

Huwa vera li jekk tmur Sydney ħa tħossok iktar parti minn din l-attivita’ u tidħol aktar fl-ispirtu permezz tal-‘workshops’ li jiġu organizzati matul il-jum, kif ukoll bis-‘shows’ ta’ kull filgħaxija. Iżda min ħa jibqa’ f’pajjiżu, xorta jista’ jduq it-togħma żgħira ta’ x’ħa jseħħ f’Sydney, anke għal fatt li il-ftuħ tal-‘world youth day’ ħa jintwera fuq it-televixin. Ħa ssir attivita’ f’ KennedyGrove fejn l-quddiesa u ċ-ċelebrażżjonijiet li ser isiru, nistghu narawhom flimkien, b’xandira diretta minn Sydney fuq ‘big screen’. Din ħa tkun ta’ għajnuna, biex għalkemm fiżikament ħa nkunu mili l-bogħod, fl-ispirtu ħa nkunu magħqudin ma’ dawk preżenti f’Sydney.

Il-mesaġġ li ħa jingħata mill-Papa Benedittu f’dawn il-jiem hu għaż-żgħażagħ tad-dinja kollha. Għalhekk kulħadd mħeġġeġ jgħaddi dak li għandu x’joffri hu lil ħaddieħor. F’idejk biex tgħaddi dan il-mesaġġ lil min taf, ħalli nkunu xhieda tiegħU kulimkien. PAY IT FORWARD!